L-ARUC issaħħaħ il-Miżuri ta’ Harm Reduction permezz tal-introduzzjoni kontrollata tar-Raża tal-Kannabis fl-Assoċjazzjonijiet
6 May

L-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) introduċiet tibdil fil-qafas regolatorju tagħha sabiex l-Assoċjazzjonijiet għat-Tnaqqis tal-Ħsara tal-Kannabis ikunu jistgħu jipproduċu u jqassmu r-raża tal-kannabis lill-membri tagħhom.  Dan l-iżvilupp huwa pass strateġiku sabiex ikompli jintlaħaq l-iskop tar-riforma dwar l-użu tal-kannabis, partikolarment li titnaqqas id-dipendenza fuq is-suq illegali u li titnaqqas il-ħsara mill-użu tal-kannabis.

Ir-raża tal-kannabis hija forma konċentrata li se tiġi prodotta esklussivament mill-istess fjuri mnixxfa mkabbra mill-assoċjazzjonijiet u li jkunu ġew ittestjati f’laboratorju ndipendenti sabiex jiġi żgurat li ma fihomx kimiċi u elementi li jagħmlu ħsara.  Barra minn hekk, il-produzzjoni tar-raża se tkun ristretta għal metodi li ma jużawx kimiċi sabiex jiġi żgurat li l-prodott finali jkun konformi mar-rieda u l-impenn tal-ARUC li tiżgura s-saħħa tal-utenti.

Permezz ta’ din il-miżura, ser nindirizzaw ċirkostanza fejn s’issa utenti tal-kannabis li jippreferu r-raża ma kellhom l-ebda mezz legali sabiex jiksbuha, u b’hekk jispiċċaw jirrikorru għal prodott mhux sikur minn sorsi llegali.   L-ARUC qed testendi r-riforma legali għal dawn l-utenti sabiex dawn ukoll jitbiegħdu mill-perikli u r-riskji tas-suq illegali u b’hekk jaċċessaw prodott ttestjat u li għalhekk jagħmel inqas ħsara.

L-ARUC stabbiliet regolamenti ċari sabiex jiġi evitat li l-introduzzjoni tar-raża twassal għal żieda fil-konsum.  Gramma ta’ raża sa tkun meqjusa ekwivalenti għal tliet grammi ta’ fjura mnixxfa peress li tipikament ir-raża hija iktar b’saħħitha.  Il-limiti eżistenti ta’ seba’ grammi kuljum u 50 gramma fix-xahar se jibqgħu fis-seħħ u issa se jkunu applikabbli għat-total ta’ fjura mnixxfa u l-ekwivalenti tagħha f’raża.

L-ARUC tfakkar lill-pubbliku li l-kannabis tista tinkiseb legalment biss minn Assoċjazzjonijiet għat-Tnaqqis tal-Ħsara liċenzjati li huma ndikati fuq il-websajt tagħha.  Dawn l-assoċjazzjonijiet joperaw taħt reġim regolat u mingħajr qliegħ u joffru kannabis ittestjata lill-membri adulti tagħhom f’ambjent sikur u kkontrollat.

Din il-bidla hija parti mill-isforzi kontinwi tal-ARUC li twettaq dak li ġie mwiegħed fir-riforma; li jiġu promossi prattiċi li jwasslu għal tnaqqis fil-ħsara assoċjata mal-użu tal-kannabis u li r-rikorrenza lejn swieq illegali titnaqqas billi tiġi offruta alternattiva sikura u regolata.

Other News
Christmas Campaign

The Authority for the Responsible Use of Cannabis (ARUC) has launched its Christmas safety campaign,Read More

18, December
Manager (Corporate)

Jobsplus Permit #843/2024 Duties and Responsibilities Reports to the Senior Manager (HR & Administration) and/orRead More

14, November